L-attur lokali Carlos Farrugia, fuq il-mezzi soċjali tiegħu qasam ritratt flimkien ma’ rakkont ta’ kif lura fl-1988, ġuvni flimkien ma’ sħabu salvawlu ħajtu. Hu jikteb, “1988! Kelli ħdax-il sena – 37 sena ilu – kelli inċident ikrah li bidilli ħajti għal dejjem. Qtajt l-arterji ta’ jdejja mal-bieb tal-kamra tal-banju fit-tielet sular tad-dar tagħna fil-Belt Valletta. Id-demm beda jtir ma’ kullimkien.”
Carlos ikompli, “Ommi ġġennet. Niżżlitni tliet sulari bid-demm nieżel, ħarġet tiġri bija ‘l barra u dħalna għand Gladys ta’ quddiemna. Hemm qabduni u telgħu jiġru bija fuq is-sur – fejn illum hemm il-monument tal-qanpiena.”
Hu jkompli, “Kien hemm erba’ żgħażagħ ġo Mini ħamra. Mingħajr ma ħasbuha darbtejn, tellgħuni magħhom u wassluni l-clinic tal-Furjana. Kien każ ta’ ħajja jew mewt — kont tlift ħafna, ħafna demm. Dak il-ġuvni li kellu l-Mini ħamra salvali ħajti. Għattewli jdejja b’xugaman li, skont kliemu, kien mgħarraq fid-demm u ġrew bija sal-clinic.”
Carlos jirrakkonta, “L-unika frażi li niftakar ċar kienet tat-tabib jgħid: ‘That’s the best I can do.'” Carlos jgħid x’qallu Alex, issa li kellu ċ-ċans jiltaqa’ miegħu wara dawn is-snin kollha. ‘Niftakar lil xi ħadd isabbat mal-ħġieġa tal-karozza jgħajjat: Ħuduhuli l-Isptar! Ħuduhuli l-Isptar!”’ Carlos iżid, “Għajta ta’ żewġ nisa ddisprati – ommi u n-nanna Pawla.”
Hu jkompli jgħid, “Kont naf li kien hemm tliet żgħażagħ oħra fil-Mini, imma għal dawn is-snin kollha kont nipprova nsib min kien is-sewwieq li salvani. U fl-aħħar, nhar is-Sibt li għadda, waqt logħba tat-tim tal-Belt Valletta, ikkonfermajt min kien. Qabadni bard kbir ġo fija meta anke hu ddeskriva fid-dettall dak li kien ġara u li mhu se jinsa qatt. Alex Caruana – salvajtli ħajti.”
Hu jtemm, “Grazzi minn qalbi. Illum għadni hawn minħabba fik ħabib.”
Facebook / Carlos Farrugia