Hemm postijiet li maż-żmien jinbidlu, iżda l-memorji li jinħolqu fihom jibqgħu għal dejjem. Għal ħafna Fguriżi, il-Fgura Youth Centre huwa proprju wieħed minn dawn il-postijiet.
Dan ir-ritratt li jidher hawn isfel, jeħodna lura lejn is-snin sebgħin, meta l-ewwel grupp ta’ żgħażagħ ta bidu għal dak li llum sar ċentru mimli storja. Fost dawk li kienu parti minn din il-bidu nsibu lil Fr Mario Enriquez O. Carm, id-direttur spiritwali, lil Fr Timotju Azzopardi O.Carm, il-kappillan, u lil Connie Seguna, waħda mill-mexxejja.
Minn dak iż-żmien 'l hawn, għaddew ħamsin sena li fihom mijiet ta’ żgħażagħ sabu f’dan il-post aktar minn sempliċi ċentru: sabu ħbieb, esperjenzi, tagħlim u memorji li żgur għadhom iġorru magħhom sal-lum. Għal min kien jagħmel parti minn din il-familja, din iċ-ċelebrazzjoni hija wkoll opportunità biex jerġa’ jiltaqa’ ma’ nies li forsi ilu snin ma jara u fl-istess ħin jiftakar f’dawk il-mumenti sbieħ li għex hemmhekk.
Għada, il-Fgura Youth Centre se jiċċelebra dawn il-50 sena b’Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fid-9:30am, u jistieden lil dawk kollha li xi darba kienu parti minn din l-istorja biex jingħaqdu f’din l-okkażjoni speċjali.
Għax ħamsin sena ma jgħoddux biss fiż-żmien, iżda fl-għadd ta’ ħajjiet li dan il-post mess magħhom!
Facebook/Fgura Youth Centre