Fl-10 ta’ Novembru Dam Thi Xuan, għarusa ta’ 19-il sena flimkien mal-għarus tagħha kienu fi triqthom lejn id-dar tal-familja tal-għarus meta l-karozza li kienu fiha nqalbet f’għalqa tar-ross.
L-aċċident ġara meta riħ qawwi tajjar xi fjuri dekorattivi għal fuq il-ħġieġa ta’ quddiem, u x-xufier tilef il-kontroll tal-karozza.
Bosta residenti tal-inħawi marru jagħtu daqqa t’id biex joħorġu lill-koppja mill-karozza. L-għarusa, li tinsab tqila, spiċċat miksija bit-tajn minn rasha sa saqajha u spiċċat f'bosta ritratti u filmati li qed iduru mad-dinja kollha.
Fortunatament ħadd ma weġġa’ u l-għarusa rnexxielha tinħasel, tbiddel il-libsa u tkompli biċ-ċelebrazzjonijiet tat-tieġ. Aktar tard, eżami mediku kkonferma li kemm hi kif ukoll it-tarbija li qed tistenna kienu f’saħħithom.