Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, il-Kunsill tal-Mellieħa tkellmu dwar laqgħa riċenti fejn ġew diskussi opportunitajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni.
Qalu, “Il-Mellieħa tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet internazzjonali permezz tal-isport! Is-Sindku tal-Mellieħa, Gabriel Micallef, laqa’ delegazzjoni mis-Serbja, fosthom il-Viċi Sindku tal-muniċipalità ta’ Čajetina Nikola Novakovic u rappreżentanti ta’ TRK Zlatibor, waqt żjara organizzata fuq stedina ta’ Mellieħa SC.
Matul din il-laqgħa, ġew diskussi opportunitajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ lokalitajiet, b’mod partikolari fl-oqsma tal-isport, it-turiżmu u l-kultura, fosthom il-possibbiltà ta’ ġemellaġġ bejn il-Mellieħa u Čajetina.Is-Sindku faħħar l-entużjażmu u l-impenn ta’ dawk kollha involuti, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-isport bħala mezz li jgħaqqad komunitajiet, jibni ħbiberiji u joħloq opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ tagħna fuq livell internazzjonali.
Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jibqa’ kommess li jappoġġja inizjattivi bħal dawn u jkompli jaħdem biex jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-komunità tagħna.Ringrazzjament lil Mellieħa SC u lil dawk kollha li kkontribwew biex din iż-żjara tkun possibbli.”