L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda sellmet il-memorja ta’ Patri Adrijanu J. Cachia, li miet fil-5 ta’ Novembru fl-età ta’ 80 sena. F’messaġġ fuq il-midja soċjali, l-għaqda fakkret l-impenn tiegħu fil-festi Maltin u r-rabta mill-qrib li kellu mas-soċjetajiet tal-banda.
Skont l-għaqda, Patri Adrijanu mhux biss kien attiv fil-festa liturġika, iżda ta s-sapport kontinwu tiegħu wkoll lill-festi esterni. L-għaqda ddeskrivietu bħala ħabib veru tas-soċjetajiet tal-banda, li kien jagħraf l-importanza tagħhom fil-ħajja u fil-komunitajiet Maltin.
Matul is-snin, Patri Adrijanu kien magħruf ukoll għall-ħidma soċjali tiegħu u għall-irwol tiegħu bħala direttur spiritwali ta’ diversi għaqdiet u każini tal-banda. Wara mewtu, bosta organizzazzjonijiet esprimew l-apprezzament tagħhom għall-kontribut li ta.
L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda stiednet lill-membri tagħha sabiex għada jattendu għall-funeral u jakkumpanjaw l-aħħar tislima bl-istandardi bħala sinjal ta’ rispett.
Facebook/ Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda