Biscuit Ġie Salvat Mit-Triq U Nstab F’Kundizzjoni Dgħajfa Ħafna – L-AAA Tappella Għall-Għajnuna

L-AAA wasslet din l-istorja permezz tal-midja soċjali bit-tama li twassal messaġġ u fori b'xi mod tmiss il-kuxjenza tal-bniedem. Din hija storja ta' kelb, kelb li ngħata l-isem Biscuit li prattikalment ġie salvat mit-triq minn koppja.

Jingħad li meta l-koppja sabet lil Biscuit mal-ewwel intebħet bil-kundizzjoni mwiegħra tiegħu u ħaditu għand l-Association for Abandoned Animals (AAA Malta). F’kitba ppubblikata fuq Facebook, l-għaqda spjegat li meta Biscuit wasal taħt il-kura tagħha kien eżawrit u dgħajjef ħafna. Skont l-AAA, il-kelb qed ibati minn infestazzjoni qawwija ta’ briegħed u tant kien bla saħħa li lanqas seta’ joqgħod fuq saqajh sew kif ukoll li kien qed jagħmel l-awrina taħtu.

L-għaqda ħadet ukoll l-inizjattiva sabiex permezz ta' dan il-messaġġ tkun tista' tirringrazzja mill-qalb lil din il-koppja li għenet lil Biscuit u esprimiet ix-xewqa li l-kelb jirkupra. Fil-messaġġ ġie enfasizzat li l-klieb jistħoqqilhom kundizzjonijiet ħafna aħjar u li Biscuit issa jinsab f’post aktar sigur.

L-AAA, li topera santwarju tal-klieb f’Birżebbuġa, qed tappella wkoll għall-għajnuna tal-pubbliku sabiex tkun tista’ tkompli tilqa’ klieb oħra li jkollhom bżonn ta' protezzjoni u kura. Nawguraw lil Biscuit fejqan ta' malajr sabiex ikun jista' jibda kapitlu ġdid ferm aktar seren minn dak ta' qablu.

Ritratt:

Facebook/ AAA

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI