F'messaġġ li ġie ippubblikat fuq il-paġna ta' Facebook Jasmine’s Journey, il-familja ta’ Jasmine xerrdet kliem mimli mħabba u ammirazzjoni lejn iċ-ċkejkna tagħhom, li għadha kif bdiet it-tieni sensiela ta’ ħamest ijiem ta’ terapija intensiva CME.
Il-messaġġ jiddeskrivi l-isforz li Jasmine tagħmel f’kull moviment waqt is-sessjonijiet, kif ukoll id-determinazzjoni u s-saħħa li dejjem turi. Għall-familja tagħha, kull pass f’dan il-vjaġġ huwa importantissimu, anke jekk ikon jinvolvi biss affarijiet li ħafna nies jagħmlu bla ma jaħsbu dwarhom. It-terapija CME, jew fit-tul Cuevas Medek Exercises, huwa tip ta’ fiżjoterapija li jinvolvi eżerċizzji ta’ moviment u bilanċ maħsuba biex jaħdmu fuq il-movimenti u l-koordinazzjoni fil-ġisem tat-tfal.
Għaldaqstant, il-qofol ta' dan il-messaġġ mhuwiex biss il-progress fit-terapija. Il-familja spjegat kemm huwa importanti li Jasmine tikber taf li hija intelliġenti, b’saħħitha, kuraġġuża u sabiħa, irrispettivament mill-isfidi li tiltaqa’ magħhom. Filwaqt li kull kisba żgħira tibqa’ raġuni ta’ ferħ, il-messaġġ ċentrali tagħhom jiżvela li Jasmine hija ferm aktar mit-terapiji tagħha jew minn dak li jirnexxilha tagħmel.
Il-familja ta' Jasmine temmet tgħid li filwaqt li jifhmu li Jasmine jkollha tgħaddi minn diversi sfidi huma jixtiequ li dejjem tkun taf li m’għandha għalfejn tikseb xejn biex tagħmilhom kburin biha!
Facebook/ Jasmine’s Journey