Kemm-il darba smajna dwar l-importanza li ż-żgħażagħ għandhom ħafna x’joffru. Dwar kemm ħafna miż-żgħażagħ għandhom għarfien vast dwar diversi aspetti mill-ħajja kif ukoll il-fehma tagħhom hi importanti daqs dawk ‘ta’ aktar esperjenza’ u forsi età avvanzata, biex insejjħulhom hekk.
Fuq il-midja soċjali dal-aħħar xhur beda podkast bl-isem ta’ Żgħażagħ imtella’ u ppreżentat minn Luke Fenech, żagħżugħ Malti bit-tir li jagħti l-vuċi lil min forsi għadu qed joqgħod lura milli jsemmagħha. Tista’ tgħid li l-iskop intlaħaq b’dan il-podkast, hekk kif Luke qed jagħti l-opportunità lil diversi kelliema u mistidnin żagħżagħ waqt il-programm tiegħu biex jitkellmu fuq diversi suġġetti li huma infurmati sew fih.
Fosthom kien hemm rappreżentanti tal-istudenti, dawk interessati fil-politika u t-tmexxija tal-pajjiż, qassisin, presidenti ta’ xi għaqda studenteska, dilettanti tal-isports u ħafna aktar li għadhom ħa jieħdu sehem fil-podkast aktar ‘il quddiem. Luke kellu mistiedna magħrufa wkoll fosthom il-lettur u preżentatur Prof. Andrew Azzopardi. Fost l-episodji interessanti mill-podkast Żgħażagħ kien hemm dak ma’ Fr. Roderick fejn flimkien ma’ Luke tkellem dwar diversi aspetti relatati mar-reliġjon u l-Knisja. Suġġett li żgur mhux forsi ż-żgħażagħ kemm-il darba jargumentaw jew jiddiskutu dak li jħossu. Il-podkast jitratta dwar l-iżbalji li seta’ kien hemm min-naħa tal-Knisja kif ukoll il-progress.
Prosit Luke u nittamaw li dan il-podkast ikompli jservi ta’ ġid għas-soċjetà! Tista' ssegwi l-paġna billi tidħol fil-ħolqa t'hawn taħt jew tagħfas HAWN.