Kullħadd baqa' xxokjat lbieraħ bl-aħbar li l-Professur Oliver Friggieri ħalla din id-dinja. Lil Oliver se jingħata l-aħħar tislima permezz ta' funeral mill-istat. Dan qed isir b'rikonoxximent għall-kontribt li ta lill-pajjiżna f'ħajtu.
Bint Oliver Friggieri, Sara Brincat irringrazzjat lil ħafna li bagħtulha messaġġ. Hi tgħid li missierha miet ħabta u sabta, "Ftit xhur biss wara li tilef il-kelb li tant kien iħobb u li tant kien jinkwieta dwaru kull darba li kien ikollu jidħol l-isptar. Il-papà kien jemmen bis-sħiħ li l-annimali għandhom post il-ġenna u l-aħħar artiklu li kien ilu jaħdem fuqu kien proprju dwar is-sinifikat tat-tbatija tal-annimali".
Sara tistqarr li lbieraħ kien, "Artiklu li ġimgħa wara ġimgħa kien jitlobni biex inżommlu kopja riveduta tiegħu għandi, biex ikollu moħħu mistrieħ li għandu kopja tiegħu. Artiklu li dalgħodu kien mixħut fuq l-iskrivanija tiegħu fuq il-karti l-oħra kollha flimkien mal-aħħar versi li kiteb "L-aħħar versi, forsi". U hekk kienu....".
Bintu tgħid li dawk viċin ta' missierha kienu jindunaw li dan l-aħħar xhur kien qed ibati bil-komunikazzjoni, "Minkejja li moħħu kienu għadu għaddej jaħseb il-ħin kollu". Sara tgħid li n-nuqqas ta' komunikazzjoni u kuntatt mal-istudenti kienu wisq biex iġorrhom aktar u jaċċetta. Id-dettalji tal-funeral ta' Oliver Friggieri jitħabbru aktar tard...
Alan Saliba / Facebook