Gwida.mt għamel naqra stħarriġ u skopra li tlett membri tal-grupp 4th Line applikaw għal X Factor, iżda waħda minnhom iddeċidiet li ma tapplikax. Milli jidher, il-kantanti li għaddew sal-live shows fi gruppi fl-ewwel staġun, setgħu japplikaw għal darb'oħra. Filwaqt li dawk li għaddew bħala solisti ma setgħux jieħdu sehem din is-sena.
Aħna tkellimna ftit ma' Nicole biex niskorpu r-raġuni wara l-fatt li m'applikatx għal X Factor, x’ħa jiġri issa li l-kantanta Miriana Conte m’għadhiex parti mill-grupp u jekk għandix xi pjanijiet bħala solista.
Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek f’X Factor Malta s-sena l-oħra? Liema kien l-aktar mument sabiħ f’din l-esperjenza?
Nista’ ngħid li l-esperjenza tiegħi fl-X Factor kienet il-ħolma li dejjem ħlomt! Qatt ma kont naħseb li se jkun vjaġġ daqsekk sabiħ. Għalkemm din l-esperjenza mhux dejjem kienet faċli, kienet esperjenza mill-isbaħ. Wieħed mill-isbah mumenti li kelli fl-X Factor kien proprju s-six chair challenge fejn kantajna quddiem l-udjenza għall-ewwel darba bħala grupp.
Kieku jkollok tagħmel xi ħaġa differenti mill-esperjenza kollha, xi tkun?
Kif diġà għidt kienet esperjenza mill-isbaħ u ma nbiddel xejn! Esperjenza li tgħallimt ħafna minnha!
It-tlett membri tal-grupp l-oħra applikaw bħala solisti. Kif wasalt għad-deċiżjoni li ma tapplikax din is-sena?
Din is-sena ddeċidejt li ma nieħux sehem minħabba li xtaqt niffoka aktar fuq l-istudju. Kollox irrid ikun. Is-sena l-oħra bħal kull min ħa sehem għamilt diversi sagrifiċċji, allura iddeċidejt li din is-sena l-prijorità tiegħi tkun l-iskola.
X’tixtieq tgħid lil membri l-oħra ta’ 4th Line, li applikaw biex jerġgħu jgħixu l-eċitament ta’ X Factor?
L-ewwel nett nixtieq nawguralhom għal dan il-vjaġġ sabiħ. Ngħidilhom ukoll biex dejjem jemmnu fihom infushom ikun xi jkun ir-riżultat ta’ dan il-vjaġġ.
Il-grupp 4th Line, kien l-unika grupp tista’ tgħid li għamel ħoss. Bit-tluq ta’ Mirian Conte mill-grupp, nistaqsu l-grupp għandu futur jew le?
Għalkemm Miriana Conte m’għadhiex tagħmel parti mill-grupp, aħna żgur mhux ħa nieqfu hawn! Nixtiequ nkomplu naħdmu flimkien u noħorġu aktar materjal.
Mill-membri tal-grupp, int l-unika waħda li rbaħt konkors lokali, il-Konkors Kanzunetta Indipendenza tal-2017. Għandna nistennew xi ħaġa ġdida mingħandek bħala solista fil-futur qarib?
Il-kanzunetta Maltija minn dejjem kienet għal qalbi ferm u ma neskludiex li jekk tiġini l-opportunità noħodha. Qatt ma taf x’hemm lest fil-futur.
Minn hawn nawguraw lil kantanta aktar suċċessi bħala solista u anke flimkien ma’ sħaba tal-grupp 4th Line. Tgħid ħa naraw persuna oħra f’dan il-grupp fil-futur jew forsi ħa jibqgħu tlieta u jbiddlu l-isem. Niskopru fil-futur qarib.
Facebook / Nicole Falzon & 4th Line