L-attivista għall-annimali Maxine Borg kitbet messaġġ ta’ qsim il-qalb fuq il-midja soċjali tagħha għaliex spjegat li tilfu lill-kelba tagħhom Nina.
Kitbet, “20-01-26 – Ġurnata li qatt mhu se ninsew. Lanqas irrid nemmen li qed nikteb dan il-post. Qisu qed ngħixu ġo ħolma kerha. NINA PANINA(TORTA) ħalliet din id-dinja ħabta u sabta. Konna nafu li konna se nadottaw kelba bi problemi. Ħadnieha għand l-aqwa vets ta’ Malta u kollha qalulna l-istess: gawduha kemm tifilħu. U hekk għamilna. Imma qatt ma bsarna li wara 4 snin biss, kienet se titlaq. Kienet għadha kemm għalqet 4 snin… 24 ta’ Diċembru. Mur għidilna li dak kellu jkun l-aħħar birthday tagħha.”
Żiedet tgħid, “Nina ma kinitx biss kelba għalina, imma wkoll ħabiba. Kienet taf meta nkunu mdejqin, u meta t-tifla kien ikollha episodju ta’ epilessija, ma kienet tiċċaqlaqx minn ħdejha. U mela ma kinitx enerġetika? Kif le! Daħlet fid-dar tagħna qisha bomba. Imma ħabbejnieha kif inhi u drajna. Fl-aħħar kulħadd kellu jidraha, għax il-karattru tagħha kien wisq ħelu.”
Qalet ukoll, “Skużawna li bħalissa mhux qed inwieġbu l-messaġġi u t-telefonati, imma bħalissa qisna qed ngħixu ġo ħolma kerha.”
Facebook / Maxine Borg