L-atleta Malti Fabio Spiteri qasam esperjenza emozzjonali u spiritwali li għex waqt il-kompetizzjoni estrema tad-Double Deca, fejn irrakkonta mument li qal li qatt mhu se jinsieh.
Fabio spjega kif matul il-lejl tat-18-il jum tat-tellieqa kien fi stat ta’ għeja kbira wara li tilef diversi power naps minħabba li ma setax jorqod.
Huwa rrakkonta kif ġismu u moħħu dehru li ma baqgħux sinkronizzati, tant li beda jsib diffikultà biex iqiegħed sieq quddiem oħra u kellu jibda jimxi minflok jiġri. Fabio qal ukoll li beda jesperjenza alluċinazzjonijiet, iżda dak il-ħin kollox kien jidher reali ħafna.
Imbagħad wasal il-mument li ħallielu l-akbar impatt emozzjonali.
“Għall-ħabta tas-02:30 ta’ filgħodu bdejt nisma’ vuċi… ‘Fabio, keep on going, sejjer tajjeb.’ Immedjatament waqaft hekk kif għaraft il-vuċi. Naħlef fuq ħajti li kienet il-vuċi ta’ Jake Vella.
Fabio qal li dak il-ħin ħassu konfuż għax kien jaf li moħħu seta’ kien qed jilgħab bih, iżda fl-istess ħin il-vuċi kienet ċara immens. Huwa beda jistaqsi fejn kien Jake u kif kien, iżda l-vuċi kompliet tirrepeti l-istess kliem aktar u aktar: “Fabio… keep on going, you’re doing fine.”
Tant kienet realistika li baqa’ jemmen li seta’ kien sinjal mingħand Jake Vella. Minnufih bagħat messaġġ lil Josie Vella, missier Jake, biex jgħidlu li kien qed jisma’ lil ibnu jsejjaħlu.
Fabio sostna li din ma kinitx sempliċement tellieqa sportiva, iżda vjaġġ spiritwali li għallmu ħafna dwaru nnifsu u dwar il-ħajja.
Facebook/ Fabio Spiteri