Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li ħaddiema li, waqt il-maltempata Harry, taw kontribut li mar lil hinn minn dak li hu mistenni minnhom fil-qadi normali tad-dmirijiet se jingħataw allowance speċjali ta’ rikonoxximent, bħala turija ta’ apprezzament għall-ħidma li wettqu.
Id-deċiżjoni tħabbret fi Brussell, fi tmiem Kunsill Ewropew ta’ emerġenza, fejn Dr Abela qal li ried iwassal messaġġ ċar ta’ rikonoxxenza lejn id-dedikazzjoni, is-sens ta’ responsabbiltà u l-lealtà li wrew dawn il-ħaddiema fil-mumenti l-aktar diffiċli.
Il-Prim Ministru rrimarka li diversi entitajiet ħadmu bla waqfien biex jitnaqqas ir-riskju u jiġi protett il-pubbliku fl-eqqel tal-maltempata. Fost dawn semma b’mod partikolari l-forzi taż-żamma tal-ordni, li kellhom rwol kruċjali fil-ħarsien tas-saħħa u l-ħajjiet tan-nies, kif ukoll il-ħaddiema li, wara li għaddew l-emerġenzi immedjati, ħadu ħsieb it-tindif u l-interventi meħtieġa.
Dr Abela rringrazzja wkoll lill-entitajiet kollha li baqgħu joperaw tul il-maltempata, kif ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi għall-kooperazzjoni li wera. Huwa nnota li proprju bis-saħħa ta’ din il-ħidma kollettiva, pajjiżna ma rreġistrax ebda mewt u lanqas korrimenti serji minkejja l-qawwa tal-maltempata.
Intant, il-Ħamis filgħodu, il-Prim Ministru laqqa’ għadd ta’ Ministri u kapijiet ta’ entitajiet biex issir evalwazzjoni tal-mod kif pajjiżna antiċipa u rreaġixxa għas-sitwazzjoni, kif ukoll tal-prestazzjoni ta’ kull entità waqt il-maltempata. Fid-diskussjoni ngħatat importanza wkoll lill-fażi li jmiss tat-tindif u r-rimedju għall-ħsarat ikkawżati, inkluż dawk li affettwaw in-negozji, kif ukoll lill-ħtieġa li jissaħħaħ l-ippjanar għall-futur f’każ ta’ ċirkostanzi simili.
Facebook / Robert Abela