Għas-sena 2026, l-iskema Rock’n Malta se tkun qed tappoġġja total ta’ 63 avveniment ta’ mużika rock, li minnhom mistennija jibbenefikaw madwar 1,800 artist lokali. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Kultura, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, li spjega kif dan kollu qed isir b’investiment kollettiv ta’ €1 miljun.

Il-fond Rock’n Malta, li hu amministrat minn Festivals Malta, jipprovdi għajnuna finanzjarja u ta’ sapport lill-organizzaturi, promoturi, artisti u bands lokali, bil-għan li jkomplu jogħlew il-livell u l-kwalità tal-attivitajiet marbuta mal-mużika rock f’Malta.
Il-Ministru Bonnici saħaq li dan l-investiment hu sinjal ċar tal-fiduċja li l-Gvern għandu fit-talent Malti. Hu qal li 63 kunċert u madwar 1,800 artist ifissru aktar opportunitajiet kreattivi, xogħol u ħajja kulturali f’pajjiżna, anke f’ġeneru mużikali li hu tant għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, irrimarka li kull sena l-fond qed jirċievi numru sostanzjali ta’ applikazzjonijiet minn artisti u organizzazzjonijiet differenti, fatt li juri kemm hemm bżonn u interess kontinwu f’dan l-appoġġ. Hu sostna li Rock’n Malta qed jgħin biex jittellgħu avvenimenti ta’ livell għoli u li Festivals Malta se tkompli tinvesti biex tara aktar kunċerti rock ta’ kwalità f’pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, spjega li għalkemm Rock’n Malta mhuwiex avveniment organizzat direttament mill-aġenzija, il-fond ipoġġi lil Festivals Malta f’pożizzjoni li toffri kemm għajnuna finanzjarja kif ukoll pariri u sapport fuq diversi avvenimenti rock li jsiru matul is-sena. Hu ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi u jappoġġja dawn l-attivitajiet.

L-avvenimenti li se jibbenefikaw mill-fond Rock’n Malta se jittellgħu bejn Jannar u Diċembru tal-2026. Għal-lista sħiħa tal-benefiċjarji u aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit festivals.mt/rocknmalta.