Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, kellha laqgħa mal-Qdusija Tiegħu Papa Ljun XIV waqt udjenza fil-Vatikan, laqgħa li hi stess iddeskriviet bħala waħda “sinifikanti u mimlija riflessjoni”.
F’kumment li qasmet wara din iż-żjara, Metsola qalet, “Filgħodu sinifikanti fil-Vatikan waqt udjenza mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV. Grata għall-iskop ċar tiegħu u għar-riflessjonijiet komuni tagħna dwar kif nistgħu nsaħħu l-paċi permezz tad-djalogu madwar l-Ewropa u d-dinja.”
Il-laqgħa ffokat fuq temi ta’ importanza globali, b’mod partikolari l-bżonn ta’ djalogu miftuħ u kostruttiv bħala mezz biex tiġi promossa l-paċi f’kuntest internazzjonali dejjem aktar kumpless. Metsola enfasizzat ir-rwol kruċjali tal-istituzzjonijiet Ewropej fil-promozzjoni ta’ valuri bħas-solidarjetà, ir-rispett reċiproku u l-kooperazzjoni bejn il-popli.
Din il-laqgħa tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u s-Sede Appostolika, u tenfasizza l-importanza ta’ kollaborazzjoni bejn il-politika u l-mexxejja spiritwali biex jiġu indirizzati l-isfidi globali tal-lum.
Facebook / Roberta Metsola