Ġewwa r-Richmond Foundation, ir-residenti jsibu modi differenti u kreattivi biex jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom u xi drabi, l-aktar affarijiet sempliċi huma dawk li jagħmlu l-akbar differenza.
Christina, waħda mir-residenti t’hemm, sabet serħan u kalma permezz tad-diamond painting: attività artistika li tinvolvi tqegħid ta’ biċċiet żgħar ileqqu fuq disinn biex jinħoloq xogħol sabiħ u dettaljat. Għalkemm tidher attività sempliċi, għal Christina saret forma ta’ terapija li tgħinha tikkalma meta tħossha stressjata jew ħosbiena. “Nieħu gost ħafna nagħmilha, u ninsab grata li nista’ ngħin lil oħrajn jitgħallmuha wkoll,” tgħid Christina.
Din l-attività mhux biss tgħin biex timla l-ħin b’mod pożittiv, iżda toffri wkoll sens ta’ indipendenza u sodisfazzjon personali. Fl-istess waqt, toħloq spazju fejn ir-residenti jistgħu jiltaqgħu, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jibnu relazzjonijiet ma’ oħrajn li għandhom l-istess interess jew li jixtiequ jitgħallmu xi ħaġa ġdida.
Fir-Richmond Foundation, inizjattivi bħal dawn huma bla dubju ta’ għajnuna kbira għar-residenti u apparti li jitgħallmu xi ħaġa differenti tgħinnhom jagħrfu li mhumiex waħidhom f’dan il-vjaġġ.
Facebook/ Richmond Foundation Malta