Il-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta fuq il-midja soċjali ħarġet avviż pubbliku fejn infurmat lill-pubbliku li bħalissa l-membri tagħha tinsab għaddejja b’operazzjoni biex tikkontrolla nirien industrijali li faqqgħu f’Birkirkara.
Fl-avviż intqal li, minħabba tħassib dwar is-sigurtà u minħabba l-operazzjonijiet ta’ emerġenza li għadhom għaddejjin, il-pubbliku huwa mitlub jevita ż-żona affettwata sakemm tingħata aktar informazzjoni.
Ir-residenti li jgħixu f’żoni fil-qrib, inklużi Swatar u Birkirkara, ġew avżati biex iżommu l-bibien u t-twieqi kollha magħluqa bħala miżura ta’ prekawzjoni kontra d-duħħan u l-fwejjaħ li jistgħu jinfirxu fl-arja.
L-awtoritajiet appellaw lill-pubbliku biex isegwi l-aġġornamenti uffiċjali mill-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta u mill-awtoritajiet lokali għal aktar informazzjoni u istruzzjonijiet hekk kif is-sitwazzjoni tiżviluppa.