Shanice Micallef Flimkien Mal-Lapes U Nadine Jispiċċaw Eliminati Fis-Semifinali Ta’ X Factor Malta

X Factor Malta

Is-semifinali ta’ X Factor Malta – Back To Win kienet waħda li żgur se tibqa’ tissemma għal żmien twil. Lejla mimlija tensjoni, emozzjonijiet u fuq kollox riżultati li ħasdu lil ħafna minn dawk li kienu qed isegwu kull mument minn fuq is-sufan tad-dar.



Fl-ewwel parti tas-serata, Shanice Micallef tat rendizzjoni sensittiva u kkontrollata tal-kanzunetta Birds of a Feather ta’ Billie Eilish. Interpretazzjoni li kienet immarkata minn delikatezza u preżenza kalma fuq il-palk, iżda li fl-aħħar mill-aħħar ma rnexxilhiex tikkonvinċi biżżejjed lill-pubbliku biex iżommha fil-kompetizzjoni. L-eliminazzjoni tagħha kienet waħda li ftit kienu qed jistennew, speċjalment meta wieħed iqis il-livell li wriet tul il-ġimgħat li għaddew.



Imma jekk dik kienet sorpriża, dak li ġara wara fis-Super Sing-Off kompla żied il-livell ta’ xokk fost it-telespettaturi. Il-kantanti li spiċċaw bl-inqas ammont ta’ voti kienu Lapes u Nadine, żewġ ismijiet li ħafna kienu jqisuhom bħala fost il-favoriti biex jirbħu din il-kompetizzjoni. Riżultat li qanqal diskussjoni immedjata fuq il-midja soċjali u li għal darb’oħra wera kemm din l-edizzjoni “Back To Win” hija imprevedibbli.



Is-serata fakkritna li f’dan l-istadju tal-kompetizzjoni kull vot jgħodd u li l-pubbliku għandu l-aħħar kelma. Issa l-attenzjoni kollha ddur fuq il-finali, fejn l-erba’ kantanti li fadal se jiġġieldu għall-ewwel post f’lejla li bla dubju se tkun waħda mill-aktar mistennija tal-istaġun.

Ritratti:

Facebook / X Factor Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI