Produzzjoni Internazzjonali Oħra F’Malta – The Travel Writer Jinġibed F’Diversi Lokalitajiet F’Pajjiżna

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, żaru s-sett tal-produzzjoni Ingliża The Travel Writer fil-Birgu.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bonnici qal li l-programm tal-cash rebate sar pilastru ewlieni għall-iżvilupp tal-industrija tal-films f’Malta. Huwa spjega li din l-inizjattiva qed tkompli tattira produzzjonijiet ta’ livell għoli lejn il-pajjiż, li mhux biss isaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni kompetittiva għall-film internazzjonali, iżda wkoll joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u investiment għall-professjonisti Maltin.



Il-Ministru żied jgħid li dan is-suċċess huwa prova ta’ kif politika kulturali u ekonomika b’viżjoni tista’ twassal għal riżultati konkreti fl-ekonomija kreattiva tal-pajjiż.



Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech spjega li, apparti l-investiment dirett fl-ekonomija, produzzjonijiet bħal The Travel Writer qed jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-crews lokali, għat-tkabbir tal-industrija u biex Malta tikseb aktar viżibilità fuq livell internazzjonali. Huwa enfasizza li l-ħidma biex tinbena industrija sostenibbli li toffri impjiegi ta’ kwalità u karrieri fit-tul għall-Maltin u l-Għawdxin qed timxi b’pass mgħaġġel.



Grech qal ukoll li l-Kummissjoni tal-Films se tkompli taħdem biex tattira produzzjonijiet internazzjonali li jġibu valur fit-tul lill-industrija tal-films f’Malta, filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-infrastruttura u t-talent lokali.

Dan il-film Ingliż, li għandu tul ta’ madwar 100 minuta, beda jinġibed f’Malta f’nofs Frar u mistenni jdum madwar 25 ġurnata. The Travel Writer, taħt id-direzzjoni tad-direttriċi rinomata Heidi Ewing, jirrakkonta l-istorja ta’ Sam Nicholson, kittieb tal-ivvjaġġar li fl-1985 jirtira f’raħal kwiet u remot fi Sqallija. Madankollu, hemmhekk jispiċċa mdawwar b’misteru, netwerk sigriet ta’ poter u anke storja ta’ mħabba.

Peress li Malta qed tieħu post Sqallija tas-snin tmenin, il-produzzjoni qed tinġibed f’diversi rħula u lokalitajiet Maltin li jagħtu sens qawwi Mediterranju u tradizzjonali. Fost dawn hemm il-Manikata, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, ir-Rabat u ż-Żurrieq.

The Travel Writer hija waħda mit-tmien produzzjonijiet li bħalissa għaddejjin f’Malta. Din il-produzzjoni qed timpjega numru kbir ta’ crew, bil-maġġoranza tagħhom Maltin u Għawdxin.

Din il-produzzjoni qed toffri wkoll opportunità oħra biex il-crew Malti jkompli jaħdem, jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u jibni karriera sostenibbli fl-industrija tal-films. Fil-fatt, hija eżempju ċar ta’ kif l-istrateġija tal-Kummissjoni tal-Films matul l-aħħar tmien snin irnexxielha tibdel industrija li kienet staġjonali f’waħda li topera tul is-sena kollha.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI