Il-catch-up programme li jsir kemm fix-Xitwa kif ukoll fis-Sajf huwa inizjattiva edukattiva maħsuba biex tappoġġja lill-istudenti li jeħtieġu aktar għajnuna jew reviżjoni fl-istudji tagħhom.
Programm li joffri wkoll opportunità lil dawk li jixtiequ jsaħħu l-għarfien tagħhom u jħossuhom aktar kunfidenti. Il-programm huwa miftuħ għall-istudenti kollha mill-ewwel sena sal-għaxar sena madwar Malta u Għawdex, u jinkludi lezzjonijiet f’gruppi żgħar immexxija minn għalliema kwalifikati.
L-istudenti jibbenefikaw minn tagħlim fis-suġġetti ewlenin bħal Malti, Ingliż, Matematika, Xjenza, Fiżika, ICT, Edukazzjoni Fiżika u Arti, b’enfasi fuq ir-reviżjoni tax-xogħol li jkun sar matul is-sena skolastika.
Il-programm tas-sajf jinfirex fuq tmien ġimgħat bejn Lulju u Settembru, filwaqt li dak tax-xitwa jsir minn Novembru sa Ġunju, b’lezzjonijiet filgħodu f’ċentri primarji u sekondarji madwar Malta u Għawdex, kif ukoll f’ċentri virtwali online.
Il-klassijiet huma bla ħlas u l-applikazzjonijiet jiġu aċċettati fuq bażi ta’ min japplika l-ewwel, sakemm jimtlew il-postijiet disponibbli.
Studenti minn skejjel pubbliċi, tal-Knisja u privati huma kollha eliġibbli, speċjalment dawk li għandhom bżonn spinta addizzjonali fl-istudji tagħhom, u jiġu notifikati li ġew aċċettati permezz ta’ email jew telefonata.
Sir af aktar billi tidħol HAWN