Storja li qasam Stephen Florian fuq il-midja soċjali qed tqajjem emozzjonijiet qawwija u twassal messaġġ importanti dwar kemm il-kliem jista’ jħalli impatt fuq il-ħajja ta’ persuna.
Fl-istejjer tiegħu, Florian jirrakkonta mument li qatt ma nesa. Huwa kiteb, “Illum wara nofsinhar waqt mixja li nħobb nagħmel l-Addolorata fix-xita, sibt il-qabar ta’ għalliem għażiż…”, mument li fetaħ ferita antika u memorji ta’ żmien l-iskola.
Huwa jfakkar lill-għalliem Sur Emidjo Saliba bħala persuna li kienet timxi ’l quddiem minn żmienha. “Kien iħobb juża metodi xejn ortodossi għal dak iż-żmien… kien jgħallimna permezz ta’ għażla ta’ kanzunetti Maltin,” jikteb Florian, filwaqt li jispjega kif kien ukoll jinvolvihom f’proġetti dwar ir-raħal tagħhom.
Iżda mhux kulħadd apprezza dan l-approċċ. Skont Florian, kien hemm reazzjoni negattiva li wasslet biex l-għalliem jitwarrab. Huwa jiddeskrivi wkoll mument diffiċli ħafna, “Qabel ma qalilna ċaw għall-aħħar darba… stqarr magħna li kieku kien jgħallimna l-Ingliż… bil-kanzunetti tal-Beatles kien jgħallimna.”
L-aktar parti li tħalli marka hija dak li ġara ftit wara. Florian jikteb, “It-Tnejn filgħodu… l-ewwel kliem li smajna kien, ‘Naħseb li lkoll taf x’ġara…’”, fejn tħabbar li l-għalliem kien miet traġikament. “L-għalliem… kien neħħa ħajtu b’idejh,” jistqarr.
B’emozzjoni kbira, Florian jgħid li dan baqa’ jweġġgħu sal-lum, “Għadni sal-ġurnata mqaddsa tal-lum ma ħfirtilhomx,” filwaqt li jżid b’mod poignanti, “Jien ma nsejtx.”
Din l-istorja hija tfakkira qawwija li kliemna għandu konsegwenzi. Anke kumment li jidher żgħir jew ta’ ċajt jista’ jħalli ferita profonda f’qalb xi ħadd. F’soċjetà fejn ħafna qed jiffaċċjaw sfidi mentali, hemm bżonn aktar empatija u responsabbiltà fil-mod kif nitkellmu u naġixxu.
Il-messaġġ ta’ Florian jibqa’ wieħed ċar u qawwi, aħseb qabel titkellem, għax kliemek jista’ jibqa’ jgħix f’qalb ħaddieħor għal dejjem.
Facebook / Stpehen Florian