L-ewwel tliet xhur tal-2026 kienu ferm pożittivi għas-settur turistiku Malti, hekk kif total ta’ 806,563 turist żaru Malta, żieda ta’ 16.3% meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2025, jiġifieri aktar minn 113,000 turist addizzjonali. Meta wieħed iħares lura lejn l-2015, id-differenza hija aktar impressjonanti, b’żieda ta’ 222% f’dawn ix-xhur tradizzjonalment l-aktar kwieti tas-sena.
Id-dħul mit-turiżmu laħaq ukoll livelli għoljin, b’nefqa totali ta’ €585 miljun matul l-ewwel kwart tas-sena, żieda ta’ aktar minn €76 miljun fuq l-2025 u €392 miljun aktar meta mqabbel mal-2015. Minkejja li t-tul medju ta’ kemm damu Malta naqas ftit minn 5.7 għal 5.5 iljieli, li jirrifletti xejriet moderni tal-ivvjaġġar, in-nefqa għal kull lejl żdiedet għal €131, żieda ta’ 2.7% fuq is-sena ta’ qabel.
Fil-fatt, in-numru totali ta’ iljieli li qattgħu t-turisti fil-pajjiż żdied b’11.9% meta mqabbel mal-2025, u b’140% meta mqabbel mal-2015. Żieda notevoli kienet ukoll osservata fi spejjeż oħra, jiġifieri l-infiq diskrezzjonali waqt iż-żjara tela’ b’15.5% fuq bażi annwali.
Fost is-swieq ewlenin, l-akbar żidiet ġew minn pajjiżi bħal Polonja (+37,000 turist), ir-Renju Unit (+30,000), l-Italja (+14,000), l-Istati Uniti (+5,000) u l-Isvizzera (+4,700). Min-naħa l-oħra, Franza rat tnaqqis ta’ 11,500 turist, l-aktar minħabba tnaqqis fis-siġġijiet tat-titjiriet disponibbli.
Interessanti wkoll li aktar minn nofs iż-żieda fit-turisti ġiet minn persuni ta’ ’l fuq minn 45 sena, li jirrifletti x-xejra fejn din il-kategorija ta’ età għandha aktar tendenza tivvjaġġa barra l-istaġun.
F’kumment dwar dawn iċ-ċifri, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Tourism Authority Carlo Micallef sostna li dawn ir-riżultati juru kif Malta u Għawdex qed isaħħu l-pożizzjoni tagħhom bħala destinazzjonijiet għal tul is-sena kollha. Huwa żied li din l-istrateġija qed twassal għal aktar effiċjenza fl-industrija u livelli ogħla ta’ okkupazzjoni u profittabbiltà, filwaqt li l-prospetti għax-xhur li ġejjin jibqgħu pożittivi.
Facebook / Malta International Airport