Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Kunsill Lokali Ħaż-Żebbuġ iċċaraw il-pożizzjoni tagħhom rigward ilmenti minħabba ċint li tqiegħed fuq bankina.
Huma qalu, “B’referenza għall-diversi ilmenti li irċevejna minn residenti dwar it-tqegħid ta’ ċint u ħamrija fuq il-bankina fi Triq Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ, il-Kunsill jgħarraf fl-ewwel lok li din it-triq hija waħda arterjali u taqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ Infrastructure Malta.”
Żiedu jgħidu, “Mit-tagħrif li rnexxielu jiġbor il-Kunsill, jidher li dan iċ-ċint tqiegħed mingħajr permess u bi ksur tal-liġi. Wara l-ilmenti li ressaq il-Kunsill, l-Awtorita’ tal-Ippjanar ġiet avżata b’dan l-iżvilupp illegali. Nistennew li tittieħed azzjoni immedjata mill-awtoritajiet biex terġa’ tinfetaħ il-bankina għan-nies, u b’hekk jiġu evitati inċidenti fi triq tant traffikuża.”