Hoi Polloi Malta qed tiċċelebra suċċess internazzjonali ieħor hekk kif żewġ studenti tagħha, Daniele Cardona u Francesca Gauci, ġew magħżula għall-prestiġjuż Junior Theatre Festival International All-Stars Programme li se jsir fi New York u Atlanta f’Jannar tal-2027.
Iż-żewġ studenti ġew magħżula wara auditions li saru waqt il-Junior Theatre Festival Europe 2026 f’Birmingham, fejn impressjonaw lill-ġurija fost numru kbir ta’ parteċipanti minn madwar id-dinja.
Il-programm jiġbor flimkien żgħażagħ b’talent fil-qasam tat-teatru mużikali għal ġimgħa ta’ taħriġ intensiv, kollaborazzjoni u wirjiet taħt il-gwida ta’ professjonisti tal-industrija.
Din l-aħbar tasal wara sena oħra ta’ suċċess għal Hoi Polloi Malta, li waqt il-festival rebħet l-Achievement in Ensemble Award għall-produzzjoni tagħha Dare to Dream Jr.
Il-Prinċipal tal-Arti Performattiva u Executive & Artistic Lead ta’ Hoi Polloi Malta, Marco A. Calleja, faħħar lill-erba’ studenti nominati għall-auditions internazzjonali, inkluż Renée Busuttil Delbridge u Amelia Baldacchino, filwaqt li sostna li kollha wrew dedikazzjoni, professjonalità u kuraġġ fuq pjattaforma internazzjonali.
L-għażla ta’ Daniele u Francesca tkompli ssaħħaħ il-preżenza internazzjonali ta’ Hoi Polloi Academy u turi kif talent Malti qed ikompli jispikka fuq il-palk dinji.
Facebook / Hoi Polloi