AIDAN qed ikompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fix-xena mużikali internazzjonali. Permezz ta’ messaġġ li qasam mas-segwaċi tiegħu fuq il-midja soċjali, il-kantant żvela li l-album il-ġdid tiegħu laħaq il-post numru tlieta fuq il-klassifika ta’ iTunes f’Ċipru.
B’entużjażmu kbir, AIDAN irringrazzja lill-segwaċi tiegħu għall-appoġġ kontinwu tagħhom u stieden lil dawk interessati biex jirreġistraw għal aċċess bikri għall-biljetti tal-ispettaklu li jmiss tiegħu. Aktar tard, il-kantant ħabbar ukoll li “THE SHOW” se jkun qed jirritorna. Huwa spjega li dan se jkun l-uniku kunċert sħiħ tiegħu f’Malta matul l-2026, serata li se tinkludi suċċessi popolari bħal “Cowboys Don’t Cry”, flimkien ma’ produzzjoni kompletament ġdida.
Il-biljetti għall-ispettaklu mistennija joħorġu għall-bejgħ dalwaqt, filwaqt li l-partitarji diġà jinsabu ħerqana għal dak li jidher li se jkun wieħed mill-aktar avvenimenti mużikali mistennija tas-sena. Prosit lil AIDAN għal dan is-suċċess internazzjonali u nawgurawlu kull ġid għall-kunċert li ġej.
FB/ AIDAN