Il-preżentatur John Busuttil qasam messaġġ emozzjonanti biex ifakkar il-ħames anniversarju taż-żwieġ tiegħu ma’ Janice, fejn irrakkonta l-vjaġġ straordinarju li għadda minnu flimkien ma’ martu.
John iddeskriva kif ħames snin ilu “twieled mill-ġdid” meta żżewweġ, u kif minn dak il-jum ’l hawn huma affrontaw bosta sfidi li setgħu kissru lil ħafna koppji, iżda li huma għelbuhom permezz tal-imħabba u l-għaqda tagħhom.
Fost il-mumenti diffiċli li semma kien hemm it-telf ta’ tliet trabi, inkluż wieħed waqt il-honeymoon tagħhom f’Għawdex, kif ukoll il-proċess tal-IVF li wassal għal aktar qtigħ il-qalb. Minkejja dan, huma baqgħu jissieltu flimkien sakemm fl-aħħar wasal il-miraklu tagħhom, it-twelid ta’ binhom Giuseppe sentejn u nofs ilu.
Busuttil tkellem ukoll dwar il-ġlidiet personali tiegħu mas-saħħa, fosthom operazzjoni biex titneħħielu l-prostata u aktar tard battalja mal-kanċer fil-kilwa li wasslet biex tneħħietlu waħda mill-kliewi tiegħu. Huwa saħaq li matul dawn il-mumenti kollha, martu baqgħet maġenbu, tagħtih il-kuraġġ u s-saħħa biex jibqa’ jiġġieled.
Illum, il-koppja qed tiċċelebra ħames snin ta’ żwieġ fi Sqallija flimkien ma’ binhom, filwaqt li John irringrazzja lil martu talli, fi kliemu, tatu mhux biss it-tieni ħajja iżda t-tielet u r-raba’ wkoll.
“Hija sabiħa l-imħabba meta taqsam kollox flimkien – il-ferħ, l-uġigħ u l-isfidi tal-ħajja,” kiteb Busuttil, hekk kif temm il-messaġġ tiegħu b’awgurju ta’ anniversarju lilhom infushom u b’ċelebrazzjoni tal-imħabba li, minkejja kollox, baqgħet soda.
Facebook / John Busuttil