“Flimkien Nidħku, Flimkien Nibku” – Gordon Pace Jaqsam It-Telfa Ta’ Freddie Aquilina

Il-komunità ta’ Calypso Radio 101.8 sellmet għall-aħħar darba lil Freddie Aquilina, figura maħbuba u rispettata li ħalliet marka qawwija fuq dawk kollha li kellhom ix-xorti jaħdmu u jiltaqgħu miegħu.

F’messaġġ mimli emozzjoni li qasam fuq il-midja soċjali, Gordon Pace tkellem dwar ir-rabta speċjali li teżisti fi ħdan it-tim ta’ Calypso Radio, filwaqt li rrifletta fuq it-telfa ta’ ħabib u kollega li kien parti integrali mill-familja tar-radju.

“Hawn min jgħidlek ix-xogħol ma għandux ikun familja. Għidu li tridu imma aħna hekk. Flimkien nidħku, flimkien nibku,” kiteb Pace.



Huwa rrakkonta kif matul dawn il-jiem irċevew litteralment eluf ta’ messaġġi ta’ kondoljanzi u appoġġ, filwaqt li mijiet ta’ nies attendew għall-funeral biex jagħtu l-aħħar tislima lil Freddie. Skont Pace, kważi kull persuna kellha memorja jew storja x’taqsam dwaru, kollha jfakkru fil-karattru ferrieħi u umli tiegħu.



Fost il-memorji li semma kien hemm ukoll il-mumenti ta’ daħk li qasmu flimkien, b’referenza għal episodji li baqgħu mnaqqxa fil-memorja tagħhom. Huwa fakkar ukoll kif Freddie, flimkien ma’ Christopher, kienu dejjem lesti biex isibu soluzzjoni għal kull sfida jew problema li kienet tinqala’.

Pace ammetta li t-telfa hija waħda diffiċli ħafna biex tiġi aċċettata, iżda sostna li l-preżenza ta’ Freddie se tibqa’ tinħass fosthom. Tant hu hekk li qal li mhux se jneħħu r-ritratti tiegħu mill-websajt ta’ Calypso Radio 101.8 u lanqas se jħassru ismu. “Ħa nħossu n-nuqqas tiegħek, u fl-istess ħin nafu li se tkun magħna,” stqarr.

Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, Gordon Pace ddeskriva lil Freddie Aquilina bħala “ġentlom, leali, raġel”, filwaqt li qal li jħossu onorat li seta’ jsejjaħlu ħabib. B’sens ta’ nostalġija u affezzjoni, temm il-messaġġ tiegħu b’riferenza għad-dinja tax-xandir li tant kien iħobb Freddie: “Heaven, are you ready? For Freddie… Freddie Aquilina.”



Ritratti:

Facebook / Gordon Pace

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI