Bil-Filmat: “L-Inċident Ħadli Sieqi, Imma Mhux Il-Ħolm Tiegħi” – Vincenzo Garofalo Jtemm Il-Missjoni Ta’ Ironman Minkejja Diversi Sfidi

Il-paratleta Vincenzo Garofalo qasam l-istorja emozzjonanti tiegħu wara li rnexxielu jaqsam il-linja finali ta’ Ironman, erba’ snin biss wara li tilef siequ f’inċident li biddillu ħajtu. F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Garofalo spjega li l-aktar parti diffiċli tat-tellieqa ma kinitx l-għawma ta’ 3.8 kilometri jew ir-rikba ta’ 180 kilometru bir-rota, iżda l-maratona finali.

Minbarra l-isfida li jikkompeti bi protesi, kellu wkoll jaffaċċja d-dijabete tat-Tip 1. Matul il-maratona, il-livell taz-zokkor fid-demm tiegħu beda jinżel b’mod perikoluż, tant li bejn il-25 u t-30 kilometru niżel għal 45 mg/dL u kellu juża trattament ta’ emerġenza biex ikun jista’ jkompli.

Minkejja l-għeja, il-weġgħat u l-ħafna raġunijiet biex jieqaf, Garofalo qal li baqa’ miexi pass pass waqt li fakkar l-erba’ snin ta’ operazzjonijiet, biża’ u sfidi li għadda minnhom wara l-inċident. “Ridt nipprova lili nnifsi li l-inċident ħadli sieqi, imma mhux il-ħolm tiegħi,” stqarr.

Fl-aħħar, huwa rnexxielu jaqsam il-linja finali u jisma’ l-kliem li kien ilu joħlom bih, “Jien Ironman.” “Erba’ snin ilu qomt f’sodda ta’ sptar mingħajr sieq. Fl-14 ta’ Ġunju 2026 qsamt il-linja finali ta’ Ironman,” temm jgħid.

Storja ta’ determinazzjoni, kuraġġ u reżiljenza li qed tispira lil eluf ta’ persuni kemm f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna. Vincenzo Garofalo, il-paratleta Taljan li jgħix Malta qed iservi ta’ ispirazzjoni għal ħafna!







Ritratti:

Instagram / enzuuuuuu

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI