F’dawn il-ġranet sħan tas-sajf, ħafna jkunu qed ifittxu ftit serħan mit-temperaturi għoljin tas-sajf, speċjalment qrib il-kosta. Iżda qatt staqsejt għaliex matul il-jum spiss tinħass żiffa friska ġejja minn fuq il-baħar?
Il-paġna popolari It-Temp Madwarna spjegat kif dan huwa fenomenu naturali magħruf bħala sea breeze, li jinħoloq minħabba d-differenza fit-temperatura bejn l-art u l-baħar. Matul il-jum, it-temperatura fuq l-art tista’ tilħaq madwar 32°C, filwaqt li l-baħar jibqa’ ferm aktar frisk b’temperatura ta’ madwar 24°C.
Minħabba li l-art tisħon aktar malajr mill-baħar, l-arja sħuna li tkun fuq l-art tibda titla’ ’l fuq. Dan joħloq spazju li jimtela b’arja aktar friska li timxi mill-baħar lejn l-art. Skont It-Temp Madwarna, din iż-żiffa ġeneralment tibda tinħass għall-ħabta tal-11:00 u tkun partikolarment apprezzata minn dawk li jqattgħu l-ġurnata fuq il-bajjiet jew fiż-żoni kostali.
Min-naħa l-oħra, billejl iseħħ il-proċess oppost. L-art tiksaħ ferm aktar malajr mill-baħar, tant li t-temperatura tista’ tinżel għal madwar 21°C filwaqt li l-baħar jibqa’ madwar 24°C. F’dak il-każ, l-arja aktar sħuna li tkun fuq il-baħar titla’ ’l fuq u arja aktar friska timxi mill-art lejn il-baħar, fenomenu magħruf bħala land breeze.
Interessanti li ż-żiffa li tinħass matul il-jum normalment tkun aktar qawwija minn dik ta’ billejl. Dan għaliex id-differenza fit-temperatura bejn l-art u l-baħar matul il-jum hija ħafna akbar – madwar 8°C – meta mqabbla ma’ differenza ta’ madwar 3°C billejl.
Dan il-fenomenu jgħin ukoll biex nifhmu għaliex matul is-snin ħafna residenzi ta’ villeġġjatura u djar tas-sajf inbnew qrib il-baħar, fejn iż-żiffa naturali tista’ tagħmel it-temperaturi aktar tollerabbli matul ix-xhur sħan tas-sena.