Is-sensiela f’Baħar Wieħed tibqa’ waħda għal qalb bosta Maltin. Jgħaddi kemm jgħaddi żmien, jibqgħu wkoll maħbuba l-karattri prinċipali fiha li kienu interpretati minn Lino Grech u Gemma Portelli li kienu koppja fis-serje jisimhom Pinu u Ġoma.
Permezz ta’ kitba fuq il-grupp publiku Malta Lura fil Passat, membru tal-grupp qasam silta minn gazzetta lokali fejn fiha kien hemm paragrafi dwar iż-żewġ karattri. Dwar Pinu kien hemm miktub, “Pastizzar li qatt ma mmodernizza l-mod ta’ kif jinħadem ix-xogħol tiegħu. Għadu jagħġen l-għaġina b’idejh u jahmi bl-injam li jitilqulu wara l-bieb tal-forn tiegħu. Iżżewweġ kbir u bintu Mary hi l-mimmi ta’ għajnejh. Għalkemm skola ma tgħallem qatt, moħħu jħaddmu sewwa u mill-ewwel jirreġistra ħafna diffikultajiet meta Mary tgħidlu li se tiżżewweġ avukat.”
Filwaqt li fuq Ġoma kien hemm miktub, “Bħal Pinu, hija mara għal kollox mingħajr skola. Moħħha qatt ma seta’ jifhem moħħ Pinu u għalhekk it-tgergir kontinwu tagħha minħabba nuqqas ta’ ftehim miegħu ma jonqos qatt. L-aħbar sabiħa li bintha se tiżżewweġ avukat iben maġistrat tpoġġiha fuq il-kori kollha tal-anġli u ma tieqaf qatt tirrepeti ma’ Sika u l-ġirien l-oħra dwar iż-żwieġ ta’ bintha.”
Kienu bosta membri tal-istess grupp li tkellmu dwar dan is-serje u dwar dawn il-karattri u dwar il-fatt li għadhom jiftakruhom wara dawn is-snin kollha.
Hawn min għadu jiftakarhom?
Mikiel Thomas/Malta Lura Fil Passat