Id-dilettanti tal-festa issa għandhom opportunità ġdida biex juru kemm jafu dwar waħda mill-aktar tradizzjonijiet għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin. Infetħu uffiċjalment l-applikazzjonijiet għal MA TAGĦMLU XEJN – Il-Kwiżż tal-Festa, programm televiżiv ġdid li dalwaqt se jixxandar fuq TVM.
Il-programm se jlaqqa’ flimkien rappreżentanti minn każini tal-banda madwar Malta u Għawdex f’kompetizzjoni li se tittestja l-għarfien tagħhom dwar il-festa Maltija. Il-mistoqsijiet se jkopru diversi suġġetti fosthom il-każini tal-banda, il-marċi, in-nar, l-armar, il-qaddisin, il-liturġija, l-istorja u t-tradizzjonijiet tal-festa.
Il-kompetizzjoni se tkun mifruxa fuq sensiela ta’ programmi eliminatorji, segwiti mill-kwarti tal-finali u l-finali l-kbira. Fl-aħħar nett, rebbieħ wieħed se jirbaħ €15,000 għall-każin tal-banda li jkun qed jirrappreżenta. Biex wieħed japplika, irid ikollu aktar minn 18-il sena u jkun qed jirrappreżenta każin tal-banda f’Malta jew f’Għawdex.
Il-ġbid tal-programm huwa skedat li jsir bejn it-13 u t-18 ta’ Lulju 2026, għalhekk il-kontestanti jridu jkunu disponibbli matul dawn id-dati, speċjalment jekk javvanzaw għall-fażijiet finali tal-kompetizzjoni. Skont l-organizzaturi, il-programm se jgħaqqad kompetizzjoni, divertiment, għarfien u spirtu komunitarju, filwaqt li jiċċelebra l-wirt u t-tradizzjonijiet tal-festa Maltija.
It-termini u l-kundizzjonijiet, kif ukoll il-formola tal-applikazzjoni, jinsabu online. L-applikazzjonijiet huma miftuħa minn issa.
👉 Applika hawn: https://forms.gle/fUpV9bB4JjGmtPe97