“Ġimgħa l-Ħabs” – Produzzjoni Li Tmiss Il-Qalb U Tqanqal Il-Ħsieb

Teatru li jqanqal il-ħsieb, iħalli impatt emozzjonali u jfakkrek fil-qawwa tal-istejjer veri. Hekk tista’ tiġi deskritta Ġimgħa l-Ħabs, il-produzzjoni l-ġdida ta’ Teatru Malta, li t-tim ta’ Gwida kellu l-opportunità jattendi għall-ewwel rappreżentazzjoni tagħha qabel il-ftuħ uffiċjali għall-pubbliku.

Ibbażata fuq stejjer u karattri reali, il-produzzjoni twassal lill-udjenza f’dinja fejn disa’ nisa, kull waħda bil-passat, il-ġlidiet u l-ħolm tagħha, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom minn ġewwa l-ħabs. Il-kitba ma tippruvax tagħti tweġibiet faċli, iżda tistieden lill-ispettatur jifhem ir-realtajiet differenti ta’ dawn in-nisa – minn min ilu hemm ftit jiem sa oħrajn li ilhom is-snin. Bejn argumenti, tama, diżappunti u mumenti ta’ umanità, kull karattru jħalli marka distinta.

Waħda mill-aktar affarijiet li jispikkaw fil-produzzjoni hija kif kull xena tibni b'mod naturali fuq ta' qabilha, u żżomm l-interess tal-udjenza tul il-produzzjoni kollha. Minkejja li ddum madwar sagħtejn u nofs, il-ħin jgħaddi mingħajr ma tinduna. L-istorja żżommok imwaħħal mas-siġġu, filwaqt li kull xena tqanqal il-kurżità biex issir taf aktar dwar il-passat u l-vjaġġ ta’ kull waħda mill-protagonisti, kif ukoll tistaqsi dwar il-futur tagħhom.

Il-produzzjoni fiha elementi Maltin li jagħtuha identità unika. L-użu tal-għana spirtu pront, fost elementi kulturali oħra, iżid saff ieħor ta’ awtentiċità u jkompli jsaħħaħ il-konnessjoni mal-udjenza.

Il-kitba ta’ Chanelle Micallef Grimaud hija intelliġenti u sensittiva, b’djalogu li jinstema’ naturali u li jagħti spazju lil kull karattru biex jispikka. Id-direzzjoni ta’ Chiara Hyzler hija preċiża u dinamika, filwaqt li l-mużika ta’ The New Victorians toħloq atmosfera li tkompli ssaħħaħ l-emozzjoni ta’ kull mument.

Ġimgħa l-Ħabs hija produzzjoni li mhux biss tilqa’ lill-udjenza għal lejla ta’ teatru ta’ kwalità, iżda tagħti wkoll vuċi lil stejjer li għal ħafna snin baqgħu mistura. Hija produzzjoni li tkompli tgħolli l-livell tat-teatru Malti u tfakkarna li, anke meta l-istejjer ikunu ġraw ħafna snin ilu, il-messaġġi tagħhom għadhom relevanti sal-lum.

Fadal ftit l-aħħar biljetti għal din il-produzzjoni. Titilfux iċ-ċans li tmorru tarawha!

Ritratti:

Facebook / Teatru Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI