Illum, il-familja Aquilina fakkret il-25 sena ta’ Rico, iben maħbub li ħalla din id-dinja iżda baqa’ jgħix fil-qlub ta’ dawk kollha li kienu jafuh.

Johann u Alison kitbu messaġġ mimli mħabba u wġigħ, fejn fakkru kif 25 sena ilu, Alla tahom l-akbar rigal meta twieled Rico. Għamilhom ġenituri għall-ewwel darba u b'hekk hu kien il-bidu ta’ kollox fil-familja tagħhom.
Iż-żagħżugħ jiġi deskritt bħala bniedem ħanin, rispettat u dedikat, li dejjem kien lest jgħin lill-oħrajn, kif ukoll kien bniedem li serva b’umiltà kemm mal-Scouts kif ukoll fil-Korp tal-Pulizija, mingħajr qatt ma fittex tifħir jew glorja.
Il-ġenituri tiegħu kitbu wkoll dwar il-vojt kbir li ħalla warajh—siġġu vojt madwar il-mejda, vuċi nieqsa mid-dar, u mumenti ta’ kuljum li llum saru memorji. Minkejja dan, enfasizzaw kif il-wirt tiegħu jibqa’ ħaj f’kull att ta’ ġid u f’kull persuna li hu mess b’ħajtu.
“Għal dejjem l-ewwel iben, għal dejjem l-akbar kburija tagħna. għal dejjem dak li għamilna Omm u Missier, għal dejjem maħbub u għal dejjem imfakkar", temmet il-familja fil-messaġġ tagħhom, filwaqt li żammew it-tama ta’ laqgħa mill-ġdid xi darba.
Barra minn hekk, it-tim ta' Gwida u ħafna oħrajn jawgurawlu l-isbaħ xewqat fil-ġenna.
Facebook/Johann Aquilina