Storja ta' niket iżda wkoll ta' tama ġiet maqsuma minn AAA, wara li erba' ġriewi tat-twelid, maħsuba li għandhom madwar ġimgħa, instabu abbandunati.
Sfortunatament, wieħed mill-ġriewi kien diġà miet meta nstab, filwaqt li t-tlieta l-oħra ttieħdu fil-kura ta' AAA. Madankollu, l-għaqda spjegat li ma setgħetx tieħu ħsiebhom hi stess, peress li ġriewi daqshekk żgħar jeħtieġu jiġu mitmugħa bil-flixkun kull ftit sigħat, anke matul il-lejl.
AAA rringrazzjat lit-tliet persuni mill-qasam tal-ħarsien tal-annimali, Maxine, Dr Justin u Gaiville, li rnexxielhom isibu persuna b'esperjenza fit-trobbija ta' ġriewi tat-twelid biex tieħu ħsiebhom matul il-ġimgħat li ġejjin. Ringrazzjament ieħor ingħata lil Cliff u Redent, ix-xufiera tal-ambulanza tal-annimali, li waslu barra l-bieb ta' AAA fi żmien 15-il minuta biex iwasslu lill-ġriewi għand il-veterinarju u, aktar tard, għand il-persuna li se tieħu ħsiebhom.
L-għaqda qalet li diġà rċeviet filmati li juru lit-tliet ġriewi jixorbu l-ħalib b'saħħithom, sinjal li qed jirrispondu tajjeb għall-kura li qed jingħataw. Filwaqt li appellat indirettament għal aktar responsabbiltà lejn l-annimali, AAA temmet il-messaġġ tagħha b'kelmiet ta' inkoraġġiment lejn dawn il-ħlejjaq ċkejknin: "Qed inżommulkom subgħajna. Issa tinsabu fl-aqwa idejn."
Facebook / AAA