L-attriċi Gertrude Borg Marks sellmet lill-għażiża zijitha li ħalliet din id-dinja biex tmur tiltaqa’ mal-missier. Hi esprimiet apprezzament kbir lejn dak kollu li għallmitha zijitha.
Hi kitbet, “Kemm għażilt ħajja ta’ tbatija, ta’ umiltà, ta’ sempliċità zi! U l-ħajja baqgħet sal-aħħar titlob iktar minnek! Nirrabja. Strieħ, zi. Ilek sentejn titlob biex Isejjaħlek. Fl-aħħar qeda ħdejh u ħdejn dawk li għożżejt l-iktar: il-mummy tiegħi, oħtok l-oħra, ommok, u wahda mit-tfal li rabbiet u ħabbejt daqslikieku kienet bintek. Mijiet ta’ “tfal” fl-Indja, għexu bis-saħħa tiegħek, bl-imħabba li tajt lil stranġieri, illum jilħqu tlett ġenerazzjonijiet.”
Żiedet tgħid, “Grazzi talli sa minn meta kont tifla, żrajt fija l-imħabba lejn il-missjoni. Grazzi talli b'ħajjtek, għallimtni nħobb lill-batut, lill-maħqur, liż-żgħir u lill-marid... Bħalissa ninsab irrabjata; u niftakar kif int ma kontx tħallini nesprimi rrabja għall-inġustizzji, għar-regħba u għall-abbuż... għalik l-imħabba kienet tiżboq kollox. Ma nemminx fil-ġenna u fl-infern... imma bħalissa żgur li int tinsab fl-iktar post komdu li jeżisti, ’il bogħod minn din id-dinja materjalista li ħallejt. U sellili għal mummy; min jaf x'tifrah bik!”
Tistrieħ fis-sliem u l-paċi mal-Missier. Nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari u ħbieb kollha.
Facebook / Gertrude Borg Marks