Kapitlu Tlettax Iniedu L-Kanzunetta Qalb Ta’ Ljun – Kanzunetta Ispirata Mill-Kuraġġ Ta’ Miguel!

Kapitlu Tlettax ħarġu t-tieni single tagħhom tal-2026, Qalb ta' Ljun, kanzunetta b'messaġġ qawwi ta' tama, kuraġġ u reżiljenza, ispirata mill-esperjenza ta' Miguel, żagħżugħ li għadda minn battalja diffiċli kontra l-kanċer. Fil-kanzunetta tingħaqad magħhom ukoll il-kantanta Federica Falzon.

Il-kanzunetta twassal il-vjaġġ ta' Miguel, li minkejja l-isfidi u t-tbatija li kellu jiffaċċja, baqa' jiġġieled b'determinazzjoni kbira. Illum, Miguel jinsab f'qagħda ferm aħjar, u l-esperjenza tiegħu serviet ta' ispirazzjoni għal din il-produzzjoni li tfakkar fil-qawwa tal-ispirtu uman u fl-importanza li qatt ma wieħed jaqta' qalbu.

"L-istorja ta' Miguel messitna profondament. Ridna noħolqu kanzunetta li mhux biss tirrakkonta dak li għadda minnu, iżda li tagħti ġieħ lill-kuraġġ straordinarju li wera tul il-vjaġġ tiegħu. Għalina, Miguel huwa tassew persuna b'qalb ta' ljun, u nittamaw li din il-kanzunetta tkun ta' ispirazzjoni għal kull min qed jgħaddi minn żmien diffiċli," qal Joseph, membru ta' Kapitlu Tlettax.

Qalb ta' Ljun hija miktuba minn Kapitlu Tlettax u ġiet prodotta minn Siconix. Il-kanzunetta hija akkumpanjata minn vidjo mużikali li jkompli jagħti ħajja lill-istorja u l-emozzjoni li twassal il-lirika tagħha.

Dan huwa t-tieni rilaxx tal-grupp għal din is-sena, wara Sakemm Ġejt Int, u jasal ftit jiem qabel il-parteċipazzjoni tagħhom fil-50 edizzjoni ta' L-Għanja tal-Poplu. F'dan il-festival, Kapitlu Tlettax se jingħaqdu ma' Reanue Falzon biex jinterpretaw Kukkudrilli, kanzunetta miktuba mill-grupp flimkien ma' Emil Calleja Bayliss.

Permezz ta' Qalb ta' Ljun, Kapitlu Tlettax jagħtu ġieħ mhux biss lil Miguel, iżda lil kull min kuljum jaffaċċja sfidi kbar b'kuraġġ, tama u determinazzjoni.

Qalb ta' Ljun hija disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali kollha. Id-distribuzzjoni qed issir minn CAP-Sounds, filwaqt li l-promozzjoni hija f'idejn Ironic PR & Artist Management.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI