B'messaġġ mimli sogħba, l-iskola MRC San Pawl il-Baħar sellmet il-memorja tal-istudent tagħha, iċ-ċkejken Logan, u missieru Gregory, li tilfu ħajjithom traġikament.
L-iskola qalet li qed tingħaqad fil-luttu mal-familja u ma' dawk kollha li kienu jafuhom, filwaqt li fakkret li kull tifel u tifla li jgħaddu mill-bibien tagħha jsiru parti mill-familja tal-iskola.
"Illum qed nibku bħala familja waħda," qalet l-iskola, filwaqt li saħqet li Logan u Gregory ttieħdu "wisq kmieni" f'din it-traġedja li ħalliet niket kbir.
L-MRC San Pawl il-Baħar esprimiet il-ħsibijiet, it-talb u l-kondoljanzi sinċieri tagħha lil omm Logan, Pam, lil ħutu, lill-qraba, lill-ħbieb u lil kull min kien viċin ta' Logan u Gregory.
L-iskola qalet li se tkompli toffri sostenn lill-familja u lill-komunità tagħha matul iż-żmien li ġej, filwaqt li fakkret lil Logan bħala membru għażiż tal-familja skolastika, li t-tbissima, il-preżenza u l-memorji sbieħ li ħoloq ma' sħabu u mal-edukaturi tiegħu se jibqgħu jgħixu fil-qlub ta' kulħadd.
B'sogħba nsellmu l-memorja ta' Logan u Gregory. Kondoljanzi minn qalbna lill-familjari kollha, qraba u ħbieb.