Il-kantanta ta' 14-il sena Rachele Maria Nistico kompliet tikteb kapitlu ieħor ta' suċċess fil-karriera mużikali tagħha, hekk kif rebħet il-Grand Prix Cup u ġiet iddikjarata Overall Winner waqt it-tielet kompetizzjoni tagħha organizzata minn La Voix Studios.
F'din il-kompetizzjoni, Rachele interpretat iż-żewġ kanzunetti klassiċi "Over the Rainbow" u "Never Enough", prestazzjoni li wasslitha biex tikseb l-ogħla unur tal-kompetizzjoni.

Fuq il-midja soċjali tagħha, iż-żagħżugħa qalet li għadha qed tipprova ssib il-kliem biex tiddeskrivi dan il-mument speċjali, filwaqt li esprimiet il-gratitudni tagħha lejn dawk kollha li appoġġjawha tul il-vjaġġ tagħha.
Rachele rringrazzjat b'mod partikolari lil ommha għas-sagrifiċċji, l-inkoraġġiment u l-appoġġ kontinwu tagħha, filwaqt li qalet li din ir-rebħa hija daqstant tagħha. Hija rringrazzjat ukoll lill-għalliema tagħha, Gillian Attard, għall-fiduċja li dejjem uriet fiha.

Fl-għeluq tal-messaġġ tagħha, Rachele qalet li kull kompetizzjoni tkompli tispiraha biex taħdem aktar u tkompli ssegwi l-ħolm tagħha fil-mużika.
Nawgurawlek futur mill-isbaħ Rachele!
Filmati: Instagram/Rachele Maria Nistico