Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Membru Parlamentari Raymond Abela qasam messaġġ mill-qalb iddedikat lil ommu fl-okkażjoni ta’ għeluq it-83 sena tagħha. "Awguri mill-qalb, għażiża Ommi, għat-83 sena tiegħek," beda biex kiteb Abela, filwaqt li ddeskriva din l-okkażjoni bħala waħda tassew għażiża għall-familja kollha.
"Għalina lkoll hija ġurnata speċjali. Ġurnata li tfakkarna kemm aħna xxurtjati li għadna nistgħu naqsmu mumenti prezzjużi miegħek," kompla jgħid. Fil-messaġġ tiegħu, Abela rringrazzja lil ommu għal dak kollu li tatu u għall-imħabba li dejjem uriet lejn il-familja. "Grazzi tal-imħabba bla kundizzjoni li dejjem urejt magħna, tal-paċenzja, tas-sagrifiċċji u tal-qalb kbira li dejjem kellek għall-familja."
Huwa tkellem ukoll dwar il-valuri li ommu għaddietlu tul ħajtu u li għadhom jiggwidawh sal-lum. ""Int għallimtna li l-ikbar ġid fil-ħajja mhumiex l-affarijiet materjali, iżda r-rispett, il-ġenerożità, il-ħniena u l-imħabba lejn xulxin." Abela kompla jirrikonoxxi l-influwenza kbira li ommu kellha fuq il-bniedem li sar illum. "Ħafna minn dak li jien illum ġej mill-valuri li rabbejtni bihom u mill-eżempju li tajtni tul ħajtek kollha. Dawn huma rigali li ma jintesew qatt."
Forsi l-aktar kliem li jolqot fil-messaġġ tiegħu wasal lejn it-tmiem, meta tkellem dwar is-saħħa ta’ ommu u x-xewqa tiegħu li jkun jista’ jtaffilha mit-tbatija. "Kemm nixtieq li flok fjuri u rigali, nkun nista’ nagħtik parti minn saħħti sabiex ma tkomplix tbati." Il-Membru Parlamentari temm id-dedikazzjoni tiegħu bi tliet sentenzi qosra iżda mimlijin imħabba, "Awguri, Ma. Grazzi ta’ kollox. Inħobbok ħafna."
Nawgurawlha aktar snin mimlija mħabba, serenità u mumenti prezzjużi mal-familja tagħha.
Facebook / Raymond Abela