Il-psikologu Nicholas Briffa qasam ħsieb li żgur jista’ jolqot lil ħafna minna, hekk kif tkellem dwar it-tendenza li kultant ikollna li dejjem nixtiequ dak li m’għandniex, minflok napprezzaw dak li diġà jinsab f’ħajjitna. "Inti single u jonqsok partner? Inti f’relazzjoni u tonqsok il-libertà? Taħdem u dejjem mingħajr ċans ta’ xejn? Għandek ħafna ħin liberu u tixtieq taħdem?" jistaqsi Briffa fil-bidu tal-messaġġ tiegħu.
Hu jkompli b’diversi kuntrasti li ħafna jistgħu jirrelataw magħhom. Iż-żgħir jixtieq jikber, filwaqt li l-adult kultant jixtieq jerġa’ jagħmel l-affarijiet taż-żgħar. Min jgħix Malta jista’ joħlom li jitlaq jgħix barra, filwaqt li min jinsab barra minn Malta jaf ikun jixtieq jirritorna. L-istess jiġri fl-affarijiet materjali, min għandu appartament jista’ joħlom b’villa jew farmhouse, filwaqt li min għandu post kbir jaf ikun jixtieq xi ħaġa iżgħar u aktar komda.
F’dan kollu, Briffa jwassal messaġġ importanti dwar il-mod kif inħarsu lejn dak li għandna fil-preżent. "Diffiċli kultant, għax tinvolvi bidla ta’ ħsieb, imma forsi wasal iż-żmien li tieqaf tiffoka fuq dak li jonqsok u tibda tgħix il-preżent, u tapprezza dak kollu li għandek," jikteb il-psikologu.
Hu jagħlaq bi kliem sabiħ li jfakkarna biex ma nqisux dak li għandna bħala xi ħaġa garantita: "Gawdi riħet darek qabel ma toħroġ tfittex irwejjaħ oħra madwar id-dinja. Għaliex xejn m’għandu jittieħed ‘for granted’, bi dritt u awtomatiku, u kull ħaġa li għandna hija rigal, don u barka. Agħtihom valur."
Messaġġ sempliċi iżda b’saħħtu, fil-ġirja għal dak li jmiss jew għal dak li naħsbu li jonqosna, kultant nistgħu ninsew kemm hemm affarijiet fil-ħajja tagħna bħalissa li darba forsi konna nixtiequ li jkollna.
Facebook / Nicholas Briffa