Diversi Xogħlijiet Għaddejjin Fil-Komunità Terapewtika Ta’ San Blas Biex Tissaħħaħ Is-Sigurtà

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed ikompli jwettaq diversi proġetti fil-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, immexxija minn Caritas Malta, bil-għan li jittejbu l-faċilitajiet u tissaħħaħ is-sigurtà tal-ambjent fejn jingħataw servizzi importanti.

Fost ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa hemm ir-rikostruzzjoni ta’ parti mill-ħajt tal-Komunità, li issa tinsab fl-aħħar stadji tagħha. L-intervent kien meħtieġ wara li Caritas Malta talbet l-assistenza tad-Dipartiment minħabba deterjorament fil-ħajt li seta’ joħloq riskju għas-sigurtà.

Wara stħarriġ tekniku, tneħħew b’mod ikkontrollat il-partijiet tal-ħajt li kienu strutturalment dgħajfa, filwaqt li nżammu dawk li kienu għadhom fi stat tajjeb. Ir-rikostruzzjoni qed issir bil-ġebla tal-franka biex jinżamm il-karattru tas-sit, filwaqt li qed jiġu installati sistemi ta’ drenaġġ biex tissaħħaħ l-istabbiltà tal-ħajt fit-tul.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli żaret ix-xogħlijiet flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, u d-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt.

"Meta ninvestu fl-infrastruttura ta’ entitajiet bħall-Caritas, inkunu qed ninvestu direttament fin-nies. Il-prijorità tagħna tibqa’ li nindirizzaw sitwazzjonijiet li joħolqu riskji għas-sigurtà, filwaqt li noffru l-appoġġ meħtieġ biex dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jkomplu jagħtu s-servizz imprezzabbli tagħhom lill-komunità," qalet il-Ministru.

Min-naħa tiegħu, Anthony Gatt irringrazzja lill-Ministeru u lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-kollaborazzjoni tagħhom, filwaqt li sostna li l-intervent se jkompli jsaħħaħ is-sigurtà ta’ dawk kollha li jagħmlu użu mill-Komunità Terapewtika ta’ San Blas.

Ix-xogħlijiet mistennija jintemmu bil-finituri, it-tindif tas-sit u spezzjoni finali sabiex jiġi żgurat li l-intervent jilħaq l-istandards meħtieġa ta’ kwalità u sigurtà.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI