Il-Parroċċa Arċimatriċi u Arċipretali Santa Marija tal-Gudja ħabbret li beda uffiċjalment ix-xogħol fuq proġett sinifikanti marbut mal-urna li fiha jinżammu l-fdalijiet ta’ San Sinforjanu Martri. Permezz ta’ post fuq il-mezzi soċjali, il-Parroċċa spjegat li l-proġett jinvolvi dekorazzjonijiet u ornamenti maħduma bl-idejn u bil-martell, li se jintużaw biex iżejnu l-kaxxa tar-relikwarju tal-qaddis.
B’disinn elaborat u sengħa fina, ix-xogħol mistenni jitlesta lejn l-aħħar ta’ din is-sena, meta l-ornamenti kollha jkunu lesti u mmuntati. Id-disinn u l-ornamenti maħduma bl-idejn u bil-martell huma xogħol Gabriel Farrugia. Matul il-jiem tal-festa titulari ta’ Santa Marija, din l-urna kienet esebita fin-niċċa ta’ Santa Marija, filwaqt li matul is-sena tinżamm taħt l-artal titulari tal-Assunta.
Il-Parroċċa ħabbret ukoll li nhar il-Ġimgħa li ġej, 21 ta’ Awwissu, fis-19:00, fil-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali Santa Marija tal-Gudja, se ssir quddiesa b’tifkira ta’ San Sinforjanu Martri. Kull min jixtieq jagħti donazzjoni b’risq ix-xogħol li qed isir fuq l-urna jista’ jagħmel kuntatt mal-Arċipriet. Żgur inizjattiva sabiħa li tkompli tħares il-wirt reliġjuż u artistiku marbut mal-parroċċa u mal-komunità tal-Gudja.