Jum tassew speċjali għal Mireille McKay, ir-rebbieħa ta’ Brillanti Singers, hekk kif illum qed tiċċelebra għeluq il-15-il sena tagħha. F’din l-okkażjoni, ommha Josephine McKay qasmet messaġġ mill-isbaħ u mimli emozzjoni ddedikat lil bintha. Josephine ddeskriviet lil Mireille bħala l-anġlu u x-xemx ta’ ħajjitha, u qalet li minn mindu twieldet, bintha daħħlet dawl kbir f’ħajjitha. Hija tkellmet ukoll dwar is-saħħa u l-kuraġġ li Mireille turi minkejja d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom tul it-triq.
"Int ħajti, il-kburija tiegħi, il-ferħ tiegħi, kollox għalija," kitbitilha ommha. Josephine żiedet li minkejja l-mumenti diffiċli li għaddew minnhom flimkien, dejjem irnexxielhom jegħlbuhom u se jibqgħu jagħmlu dan, ikun xi jkun dak li ġġib magħha l-ħajja.
Fost l-aktar kliem li jolqot fil-messaġġ tagħha, Josephine fakkret kif meta Mireille taraha tibki, tgħidilha, "Tinkwetax mummy, jien hawn biex nixxuttalek id-dmugħ." Kliem li, għal ommha, ifisser id-dinja kollha. Josephine temmet il-messaġġ billi awgurat lil bintha ħajja mimlija ferħ, imħabba, ħolm sabiħ u suċċess, filwaqt li ħeġġitha biex tibqa’ temmen fiha nnifisha u qatt ma taqta’ qalbha.
Mireille rebħet il-qlub ta’ ħafna bil-vuċi u t-talent tagħha waqt Brillanti Singers, iżda dan il-messaġġ jurina wkoll ir-rabta speċjali li teżisti bejnha u bejn ommha. Aħna minn Gwida.mt ningħaqdu mal-awguri u nawguraw lil Mireille McKay għeluq sninha mill-isbaħ u aktar suċċessi fil-vjaġġ mużikali tagħha!
Facebook / Mirielle McKay