Il-Viċi Sindku taż-Żurrieq, Natius Farrugia, sellem il-memorja ta’ Lonżu, magħruf bħala Ta’ Tunes, li ħalla din id-dinja. F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Farrugia tkellem dwar il-ħbiberija twila li kellhom flimkien u fakkar kif, minkejja li kellhom karattri differenti u ġieli argumentaw, ir-rispett ta’ bejniethom qatt ma naqas.
"Ilna nafu lil xulxin minn dejjem, xrobna flimkien kif ukoll argumentajna. Żewġ karattri differenti konna jien u int, imma r-rispett qatt ma naqas," kiteb Farrugia. Huwa fakkar ukoll ġest partikolari li Lonżu għamel miegħu proprju fl-aħħar ġimgħat. Lonżu kien tah ritratt tan-nannu tiegħu, Nazju, li Farrugia qatt ma kien ra qabel u li għalih huwa msemmi.
Dettall żgħir iżda mimli tifsira, li issa żgur se jibqa’ tifkira speċjali ta’ ħbiberija li tmur lura bosta snin. Farrugia temm il-messaġġ tiegħu billi wassal il-kondoljanzi lill-familja kollha ta’ Lonżu.
Aħna minn Gwida.mt ningħaqdu mal-kondoljanzi lill-qraba u l-ħbieb tiegħu. Jistrieħ fis-sliem.