Il-Karnival tas-Sajf f’Wied il-Għajn, wasal fi tmiemu wara serata oħra ta’ festa u divertiment li ġibdet lejha numru kbir ta’ nies.
F’messaġġ ta’ ringrazzjament, is-Sindku ta’ Wied il-Għajn, Mario Calleja, esprima l-apprezzament tiegħu lejn dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom biex l-avveniment ikun suċċess. Beda billi, Calleja rringrazzja lil uħud mill-kunsilliera, lil DJ Audiomix u lid-direġenti ta’ Festivals Malta għall-ħidma tagħhom.
Ringrazzjament speċjali mar ukoll lill-Pulizija, li skont is-Sindku mexxew l-avveniment bi professjonalità u dedikazzjoni. Il-parteċipanti kollha ġew imfaħħra għax-xogħol ikkulurit u kreattiv tagħhom fosthom il-kustumi kollha kuluri li taw kulur lill-festa, kif ukoll paxxiet l-għajn ta’ dawk preżenti.
Is-Sindku ma naqasx milli jirringrazzja lir-residenti kollha, partikolarment dawk taż-Żonqor, għall-koperazzjoni u l-paċenzja tagħhom matul l-avveniment.
Fl-aħħar, faħħar ukoll lill-ħaddiema tal-manutenzjoni u tat-tindif, li fi ftit minuti rnexxielhom inaddfu t-toroq u l-pjazza, u jħallu ż-żona nadifa u lesta. “Grazzi lil kulħadd! Mingħajrkom, dan is-suċċess ma kienx ikun possibbli,” temm jgħid Calleja.
Facebook/Mario Calleja