Il-Furjana Qed Tiffaċċja “Kriżi Demografika” Hekk Kif Il-Popolazzjoni Niżlet Għal Madwar 1,700 Persuna

Il-Partit Nazzjonalista esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni demografika fil-Furjana, b’mod partikolari dwar it-tnaqqis fil-popolazzjoni u ż-żieda fl-età medja tar-residenti.

Dan is-suġġett ġie diskuss waqt laqgħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kellu mal-Kunsill Lokali tal-Furjana nhar it-Tlieta. Fi stqarrija wara l-laqgħa, il-PN qal li l-popolazzjoni tal-Furjana niżlet minn madwar 5,000 persuna għal madwar 1,700, filwaqt li l-età medja tar-residenti issa qabżet is-60 sena.

Fost il-problemi li ntqalu kien hemm ukoll iż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà. Skont il-partit, din ir-realtà qed tagħmilha aktar diffiċli għaż-żgħażagħ u l-familji biex jibqgħu jgħixu fil-lokalità. Il-PN semma wkoll il-konverżjoni ta’ djar vojta f’boutique hotels, akkomodazzjoni għal kirjiet qosra u proprjetajiet kummerċjali, fattur ieħor li qal qed ikollu impatt fuq il-komunità residenzjali tal-Furjana.

Il-partit saħaq fuq il-ħtieġa li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata sabiex il-Furjana tibqa’ lokalità fejn il-familji u ġenerazzjonijiet ġodda jkunu jistgħu jgħixu u jibnu l-futur tagħhom.

Ritratti:

Facebook/ Alex Borg & Il-Kunsill Lokali Furjana

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI