Bonello Spiteri Titla’ Fuq Il-Podju Tal-Kategorija Tal-Età Fil-Kampjonati Dinjija Ironman 70.3 Ġewwa Nizza

Danica u t-tim

It-triatleta Maltija Danica Bonello Spiteri kisbet post fuq il-podju fil-kategorija tal-età tagħha fil-Kampjonati Dinjija Ironman 70.3 ġewwa Nizza fi tmiem il-ġimgħa, biex temmet prestazzjoni b’saħħitha f’wieħed mill-aktar oqsma kompetittivi u impenjattivi fil-kalendarju tal-kategoriji tal-età.

Bonello Spiteri hija l-ewwel triatleta Maltija li spiċċat fuq il-podju f’Kampjonat Dinji Ironman 70.3, u b’hekk dan ir-riżultat jistabbilixxi punt ta’ riferiment ġdid għall-isport lokalment.

Bonello Spiteri qalet li tittama li dan is-suċċess ikompli jiftaħ it-triq f’dan l-isport u jħeġġeġ aktar atleti Maltin, kemm irġiel kif ukoll nisa, biex jaspiraw għal riżultati simili fix-xena internazzjonali.

Nizza, meqjusa bħala l-post fejn twieled it-triathlon fuq distanzi twal fl-Ewropa, bniet wirt importanti f’dan l-isport matul is-snin, wara li ospitat diversi edizzjonijiet tal-kampjonati dinjija Ironman u Ironman 70.3.

Il-korsa ħadet lill-atleti fl-ibħra tal-Côte d’Azur, għat-toroq mimlijin telgħat tal-Alpes-Maritimes bir-rota, qabel intemmet b’ġirja tul il-Promenade des Anglais.

Il-kundizzjonijiet kienu sħan tul it-tellieqa kollha, b’diffikultà miżjuda minħabba li l-grupp tagħha beda tard, fid-9:15am.

Għalkemm il-kategorija tal-Gruppi t’Eta issir separatament mit-tellieqa professjonali, il-parteċipazzjoni tinkiseb strettament permezz ta’ kwalifikazzjoni, u l-livell f’Nizza kien xhieda ta’ dan: il-kategorija tal-età ta’ Bonello Spiteri waħedha kienet tinkludi 389 atleta, li kollha kienu kisbu posthom fit-tellieqa permezz ta’ kwalifikazzjoni.

Bonello Spiteri temmet l-għawma ta’ 1.9km f’ħin ta’ 29:52, fit-tieni post wara Anja Štrovs. It-taqsima ta’ 90km bir-rota, fuq rotta mimlija tlugħ u nżul, wassal għal diversi bidliet fil-klassifika, b’Bonello Spiteri tinżel fid-disa’ post wara li temmet din il-parti f’3:17:19.

Hi mbagħad irkuprat pożizzjonijiet waqt il-ġirja, fejn irreġistrat ħin ta’ 1:35:57 fin-nofs maratona biex reġgħet telgħet f’pożizzjoni ta’ podju. Il-ħin finali tagħha ta’ 5:30:29 ħallieha biss ftit minuti ’l bogħod minn Katharina Grölz tal-Ġermanja, li spiċċat fit-tieni post.

It-titlu tal-kategorija tal-età ntrebaħ mill-Iżvizzera Corina Hengartner, eks triatleta professjonali li kisbet ukoll titli fil-livell elite.

Meta tkellmet dwar ir-riżultat tagħha wara t-tellieqa, Bonello Spiteri qalet: “Dħalt għall-Kampjonati Dinjija bl-għan li nispiċċa mal-ewwel 15, mira li kienet ibbażata fuq ir-riżultat tiegħi fl-aħħar edizzjoni li kont ħadt sehem fiha, il-Kampjonati Dinjija Ironman 70.3 tal-2023 f’Lahti, il-Finlandja.”

F’dik l-edizzjoni, Bonello Spiteri kienet spiċċat fid-69 post minn aktar minn 450 atleta fil-kategorija tal-età tagħha.

Post Bonello Spiteri f’dawn il-Kampjonati nkiseb permezz tal-kwalifikazzjoni fl-Ironman 70.3 Antalya s-sena l-oħra, pożizzjoni li kompliet tikkonferma aktar kmieni dan l-istaġun b’rebħa fil-kategorija tal-età tagħha f’Alghero, Sardinja — it-tieni minn żewġ rebħiet fil-kategorija tal-età fit-tiġrijiet ta’ kwalifikazzjoni tagħha f’dan iċ-ċiklu.

Dan ir-riżultat ifakkar ukoll fi tragward ieħor importanti għal Bonello Spiteri: fl-2009, hija kienet saret l-ewwel mara Maltija li temmet tellieqa Ironman fuq distanza sħiħa, kisba li minn dak iż-żmien ’l hawn irnexxielhom jilħquha wkoll diversi nisa Maltin oħra.

Nittama li dan l-aħħar riżultat isegwi triq simili fi ħdan il-komunità lokali tal-atleti, u li juri li l-atleti Maltin kapaċi jiksbu riżultati fix-xena internazzjonali,” temmet tgħid.

Wara t-tellieqa, Bonello Spiteri rringrazzjat lill-isponsors tagħha u lil dawk kollha li jappoġġjawha fosthom Quest Vitamins, RevivalMT, Garmin Malta, Eurosport Malta, The Sports Medics, Team Barry, Malta International Challenge Marathon, Idmatch Bikefit Lab, u Flowbio Sweat Sensors u l-klabbs sportivi tan-Neptunes Swim Club u Pembroke Athleta.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI