Fi tmiem din il-ġimgħa, it-toroq storiċi ta’ Bormla se jinbidlu f’palk teatrali hekk kif jirritorna l-Cospicua Short Play Festival għad-disa’ edizzjoni tiegħu.
Il-festival se jsir nhar il-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta’ Settembru fl-inħawi ta’ Santa Margerita, fejn il-pubbliku se jkun jista’ jsegwi disa’ produzzjonijiet teatrali differenti f’ambjent mill-isbaħ li jgħaqqad it-teatru mal-karattru storiku tal-lokalità. Din is-sena se jiġu ppreżentati seba’ plays kompetittivi, flimkien ma’ żewġ produzzjonijiet mistiedna minn Esplora u Opening Doors. Is-seba’ xogħlijiet fil-kompetizzjoni ntgħażlu minn fost 45 script li ġew sottomessi wara sejħa miftuħa għall-awturi.

Wara li ntgħażlu x-xogħlijiet, l-awturi ngħataw l-opportunità jagħżlu d-diretturi, l-atturi u l-gruppi li se jagħtu l-ħajja lill-istejjer tagħhom waqt dawn iż-żewġ serati. Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli sostniet li inizjattivi bħal dawn juru kemm il-Kunsilli Lokali jistgħu jkunu importanti biex il-kultura tinġieb eqreb lejn il-komunitajiet.
“Il-Cospicua Short Play Festival huwa eżempju ċar ta’ kif il-Kunsilli Lokali jistgħu joħolqu spazju għall-artisti Maltin, filwaqt li jġibu l-kultura eqreb lejn il-komunità u jagħtu ħajja ġdida lill-ispazji pubbliċi tagħna,” qalet il-Ministru. Is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius min-naħa tiegħu rringrazzja lill-Gvern għall-appoġġ mogħti lill-festival, filwaqt li saħaq fuq l-importanza ta’ attivitajiet kulturali li jsaħħu l-komunità Bormliża u jkomplu jagħtu viżibbiltà lil Bormla fix-xena kulturali Maltija.
Id-Direttur Artistiku tal-festival Joseph Galea ħabbar ukoll li għal din l-edizzjoni tnediet l-ewwel fażi tal-website uffiċjali tal-Cospicua Short Play Festival. Din se sservi bħala pjattaforma biex il-pubbliku jsir jaf aktar dwar il-festival, il-produzzjonijiet u l-artisti li ħadu sehem fih matul is-snin.

Il-Cospicua Short Play Festival beda fl-2018 bħala inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla u minn dakinhar kompla jikber sena wara sena. Illum sar pjattaforma importanti kemm għal talent ġdid li jixtieq jesperimenta u jiżviluppa l-ħiliet tiegħu, kif ukoll għal artisti stabbiliti li jridu jesploraw ideat u forom differenti ta’ teatru.
Mela jekk tħobbu t-teatru u qed tfittxu xi ħaġa differenti għal tmiem il-ġimgħa, żommu f’moħħkom it-18 u d-19 ta’ Settembru: għal jumejn, Santa Margerita f’Bormla se tkun qed tinbidel f’palk miftuħ għall-arti u t-talent lokali.
Facebook / Alison Zerafa Civelli