Lyndsay Pace żgur mhijiex barranija għax-xena mużikali lokali, il-kantawtriċi versatili twieldet fit-12 ta’ Marzu 1990 u rajnieha f’diversi kompetizzjoni lokali. Fost il-kisbiet tagħha, Lyndsay reċentement ġiet nominata għall-World Entertainment Awards bil-kanzunetta tagħha Trippin’, meħuda mill-album tagħha, fil-kategorija Best Pop Song.

“Ninsab onorata immens għal din l-opportunità u verament ħerqana għal din l-esperjenza sabiħa!” tgħid Lyndsay. L-avveniment prestiġjuż se jsir f’Hollywood, Los Angeles is-sena d-dieħla, u se jiġbor flimkien l-ikbar ismijiet mill-industriji tal-films, mużika u televiżjoni f’ċelebrazzjoni grandjuża ta’ talent artistiku. Din il-pjattaforma globali hija wkoll sinonima ma’ lejl ta’ spettaklu u divertiment, li jirrikonoxxi u jiċċelebra l-aqwa talent minn madwar id-dinja.
B’dan kollu quddiemha, Lyndsay issa qed tħares ‘il quddiem lejn il-karriera tagħha fuq livell internazzjonali, hekk kif tkompli ssegwi l-ħolma tagħha li tistabbilixxi ruħha bħala artista magħrufa globalment.
Facebook / Lynsday Pace