Il-komunità tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex qed tilqa’ b’ferħ lis-Seminarista Andrea Cauchi, li ġie assenjat biex jagħmel il-ministeru pastorali tiegħu fi ħdan il-komunità.
Andrea, mill-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Munxar, ġie ppreżentat lill-ġemgħa preżenti mill-Arċipriet waqt il-quddiesa tal-10:00am. Huwa se jkun qed jakkumpanja b’mod partikolari lill-gruppi tal-abbatini, lit-tfal u lill-adolexxenti, speċjalment matul tmiem il-ġimgħa.
Din l-esperjenza tagħmel parti mill-mixja tiegħu lejn is-saċerdozju, hekk kif Andrea jinsab fi triqtu biex jibda t-tieni sena ta’ formazzjoni fis-Seminarju tad-Djoċesi. Sa issa, huwa diġà kellu esperjenza pastorali fil-Parroċċa tal-Katidral, kif ukoll fir-Rabat.
Il-Parroċċa laqgħetu b’ħafna ferħ u tama, filwaqt li fakkret kemm hu sabiħ li l-komunità Nisranija tkun post fejn kulħadd jagħti s-sehem tiegħu.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-mixja lejn il-fidi ma ssirx waħedha. Hija vjaġġ li fih wieħed jakkumpanja lill-ieħor, jaqsam l-esperjenzi u jagħti dak li jista’ għall-ġid tal-komunità u tal-Knisja.
Facebook/St.George’s Basilica